San Pawl jikteb li aħna l-Insara aħna t-tempju ta’ Alla u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fina. Mela la l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fina, huwa importanti li nkunu nafu min hu dan l-Ispirtu u kif nistgħu nagħrfuh fina nfusna.
Alla huwa wieħed fi tliet persuni, distinti minn xulxin: il-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu. Il-Missier jagħraf lilu nnifsu fit-tnisssil tal-Verb, li jissejjaħ Ibnu. Il-Missier iħobb lill-Iben, u l-Iben iħobb lill-Missier; minn din l-imħabba reċiproka joħroġ l-Ispirtu s-Santu. Tliet persuni ugwali li jaqsmu flimkien f’kollox b’mod sħiħ.
Fejn l-Ispirtu s-Santu huwa preżenti, id-doni tiegħu, elenkati fil-Ktieb ta’ Isaija, qatt ma jonqsu. Dawn huma: l-għerf, l-fehma, il-kunsill, il-qawwa, ix-xjenza, il-pjetà, u l-biża’ tal-Mulej (Isaija 11:2–3).
Minbarra dawn id-doni, l-Ispirtu s-Santu jagħti wkoll il-frott tiegħu, li, kif jikteb San Pawl, huma: l-imħabba, il-ferħ, is-sliem, is-sabar, il-ħlewwa, il-qalb tajba, it-tjieba, il-fidi, is-safa, il-kontinenza, u l-modestja.
Kull min jippossjedi l-Ispirtu s-Santu ma jistax jonqos milli jesperjenza l-konsolazzjoni tiegħu permezz ta’ dawn id-doni u l-frott. Mingħajr l-Ispirtu s-Santu, ħadd ma jista’ jagħti glorja lil Alla jew jikseb mertu. Mingħajru, ħadd ma jista’ jemmen, jittama, iħobb, jew jindem tassew. Mingħajr l-Ispirtu, ħadd ma jista’ jagħraf l-inganni tan-natura, tax-xitan, jew ta’ nies oħra. Mingħajr l-Ispirtu s-Santu, ħadd ma jista’ jżomm il-liġi t’Alla, aħseb u ara jagħraf l-Ispirtu t’Alla. Mingħajru, persuna tibqa’ fi stat ta’ sfortuna.
Insejħu lill-Ispirtu s-Santu għall-għajnuna fi żminijiet ta’ tentazzjoni, għad-dawl fl-eżami tal-kuxjenza, u fid-dixxerniment tal-vokazzjoni tagħna fil-ħajja. Insejħulu fi żminijiet ta’ desolazzjoni u kuntrarju, fid-dubju u l-biża’, fit-tbatija u fil-bżonnijiet l-oħra kollha tagħna.
Ejjew għalhekk induru lejn l-Ispirtu s-Santu fit-talb tagħna. Jalla nitolbu spiss, bil-fidi u d-devozzjoni, il-kliem ta’ San Ġorġ Preca: Spirtu s-Santu Alla, dawwal is-sensi u kebbes il-qalb tal-iskulari ta’ Ġesù Kristu. Amen.