Id-devozzjoni lejn il-Verġni Marija hija sinjal ta’ faraġ kbir fil-ħajja ta’ kull min verament iħobb u jixtieq jaqdi lis-Sinjur Alla. Devozzjoni ġenwina toħroġ minn qalb li tibża’ mill-Mulej u tfittex li tgħix skont ir-rieda tiegħu. Marija toffri l-grazzja tagħha lil dawk li jimxu b’fedeltà fit-triqat ta’ Alla.
Ħafna qaddisin għallmu li l-qima lejn Marija hija sinjal li wieħed huwa msejjaħ biex jieħu sehem fil-ħajja ta’ dejjem. Meta Marija żaret lil kuġina tagħha Eliżabetta, hija pproklamat bil-ferħ li l-ġenerazzjonijiet kollha kienu se jsejħulha hienja. Din hija vera barka għal dawk li Alla għażel biex jgħixu miegħu għal dejjem fil-glorja. Anke jekk ħafna fid-dinja għad hawn min ma jafhiex jew jew ma jemmnux fiha, il-kliem tagħha jibqa’ minnu.
Dawk li sinċeramnet jonoraw lil Marija jistgħu jkunu ċerti li rċevew rigal prezzjuż mingħand Alla. Id-devozzjoni tagħhom mhijiex koinċidenza, iżda sinjal viżibbli tal-ħniena ta’ Alla li diġà hija preżenti f’ħajjithom.
Permezz tal-interċessjoni qawwija ta’ Marija, għadd kbir ta’ erwieħ sabu triqthom lejn is-sema. Huwa għalhekk li hija msejħa b’mod xieraq il-Bieb tas-Sema. Kien permezz tagħha li Ġesù ġie fid-dinja, u huwa permezz tagħha li l-grazzji ta’ Alla jkomplu jinżlu fuq dawk li jixxennqu għas-salvazzjoni. Kristu għażilha bħala Ommu, twieled minnha, u permezz tagħha beda l-missjoni salvifika tiegħu, li laħqet il-qofol tagħha fil-qawmien tiegħu mill-imwiet u fil-preżenza glorjuża tiegħu fis-saltna ta’ dejjem.
Marija tkompli tkun it-triq li biha l-fidili jersqu qrib Alla. B’kunfidenza, inħabbtu fuq dan il-bieb, bit-tama li permezz tal-għajnuna tagħha, se jgħaddu mill-provi tal-ħajja ta’ issa għall-paċi eterna.
Aħna li ngħixu fil-biża’ ta’ Alla nsibu paċi profonda f’Marija. Hija l-kawża tal-ferħ għal dawk kollha ddestinati li jgħixu għal dejjem fil-preżenza ta’ Alla.
Ifraħ o Verġni Marija,
għax int sibt grazzja quddiem Alla,
int li emmint għal kelmiet tal-Arkanġlu Gabrijel,
fil-ħin li bqajt xebba nissilt Alla u bniedem,
u wara li tajtu lid-dinja bqajt xebba’ bla mittiefsa.
Omm Alla idħol għalina.


