Għal ħafna minna, id-daħna bajda tat-8 ta’ Mejju 2025 kienet sorpriża kbira. Bosta bassru li dan il-konklavi kien se jdum. Imma ma kienx hekk, tant li f’daqqa waħda tista’ tgħid id-dinja kollha sabet mod biex tara x’kien qed jiġri fil-pjazza tal-Vatikan. Imbagħad infetaħ il-bieb tal-loġġa u smajna l-kliem tant mistenni: “Annuntio vobis gaudium magnum. Habemus Papam.”
Il-ferħ kien tassew jinħass fir-reazzjoni għal dan il-kliem. Imbagħad l-għagħa kkalmat biex nisimgħu l-isem tal-Papa l-ġdid – il-Kardinal Robert Francis Prevost. Isem li ma kienx qed jissemma wisq, tal-inqas ħdejn oħrajn iktar maħbuba mill-ġurnalisti u l-opinjonisti. Imbagħad smajna l-isem li għażel – Ljun XIV.
Kif wieħed jista’ jobsor kien jidher emozzjonat ħafna. Kif tista’ ma tkunx meta f’daqqa waħda tiskopri li Alla sejjaħlek biex tkun missier għal kulħadd?!
Imbagħad ressqulu l-mikrofonu u l-ewwel kliem tiegħu lill-follakbira li nġabret fil-pjazza kien: “Il-paċi tkun magħkom lkoll!” Kliem tassew profetiku mhux biss minħabba ż-żmien partikulari li qed ngħixu fih, li fih id-dinja tidher nieqsa tant mill-paċi, imma fuq kollox għax dan kien l-ewwel kliem li l-Imgħallem Ġesu qal lill-appostli tiegħu l-ewwel darba li ltaqa’ magħhom wara li qam mill-mewt. Dan kien il-messaġġ qasir li l-Papa xtaq jibda bih, messaġġ u forsi iktar minn kollox talba għall-paċi fil-familji tagħna, fost il-popli u fid-dinja.
U biex iqawwi lil uliedu, il-Papa kompla: “Alla jħobbna lkoll… il-ħażen mhux se jirbaħ!” B’hekk ħeġġiġna biex ma naqtgħux qalbna ħalli bħala persuni ta’ fidi nkomplu nwasslu d-dawl tal-Mulej fid-dinja, li nwasslu l-paċi rebbieħa tiegħu.
Papa Ljun XIV għalaq il-messaġġ tiegħu b’sejħa biex ningħaqdu miegħu ħalli nkunu nies li nibnu l-pontijiet. Ħalli f’dinja li tidher maħkuma mill-ġlied, aħna nkunu sinjal tal-paċi vera li jagħti biss is-Sinjur Alla.