F’Settembru, id-Dar Ġenerali laqgħet żewġ Isqfijiet li għamlu żjara ta’ kortesija lis-Superjur Ġenerali.
Fil-11 ta’ Settembru, l-Isqof Thomas Padiyath tar-rit Syro-Malabar, akkumpanjat minn Dun Matthew Varuvelil, kappillan tal-komunità Syro-Malabar lokali żar il-Kappella tal-Madonna tal-Midalja Mirakoluża. Wara saret laqgħa informali mal-Assistent Superjur Ġenerali, is-Segretarju Ġenerali u d-Delegat tas-Superjur Ġenerali għal Malta.
Din kienet segwita miż-żjara ta’ Mons George Muthaka O.F.M. Kap., Isqof ta’ Garissa Kenja. Mons Muthaka kien eks kandidat fiċ-Ċentru Ruiru SDC. Waqt iż-żjara, li saret fid-19 ta’ Settembru, l-Isqof Muthaka kien akkumpanjat mill-Isqof Emeritu Joseph Alessandro O.F.M. Kap., u l-Provinċjal tal-Ordni Kapuċċini, Dun Ivan Scicluna. Wara li talab quddiem il-fdalijiet tal-Fundatur fil-Kappella tal-Madonna tal-Midalja Mirakoluża, saret laqgħa informali mas-Superjur Ġenerali u l-kunsill privat. Kienu preżenti wkoll il-Membri Gaetano Decelis u Raymond Tabone. Fiż-żmien li dawn il-Membri kienu qed jagħmlu appostolat fil-Kenja, l-Isqof George kien jattendi l-Qasam ta’ Ruiru għall-formazzjoni tiegħu. Kif mistenni, qasmu ħafna memorji ta’ meta l-Eċċellenza Tiegħu kien Magħżul u Kandidat.
Is-Superjur Ġenerali kellu wkoll l-opportunità jiltaqa’ ma’ Dun Míċéal O’Neill, il-Prijor Ġenerali tal-Ordni Karmelitan, li kien qed iżur Malta flimkien ma’ Dun Michael Farrugia l-Prokuratur Ġenerali tal-Ordni.