Matul iż-żjara tiegħu fil-Filippini bejn it-2 u t-12 t’Awwissu, 2025, is-Superjur Ġenerali Roberto Zammit akkumpanja lill-membri tal-qasam ta’ Lipa u ltaqa’ ma’ diversi benefatturi li taw u għadhom jagħtu appoġġ kbir lill-membri u l-ħidma tagħhom. Fosthom, iltaqa’ ma’ Fr Jayson Siapco (kappillan ta’ Marawoy, Lipa), Fr Darwin de Leon (kappillan ta’ Darasa, Tanauan), Fr Jose dela Cruz (patri Redemptorist) kif ukoll numru ta’ saċerdoti li jagħtu formazzjoni fis-Seminarju Teoloġiku ta’ San Franġisk de Sales.
Nhar il-Ġimgħa, 8 t’Awwissu, 2025, is-Superjur Ġenerali u l-membri kienu mistednin għal ikla mal-Arċisqof Gilbert Garcera, elett riċentament bħala president tal-konferenza episkopali Filippina (CBCP), u s-segretarju tiegħu Mons Ericson Tio, fir-residenza tal-Arċisqof.
Is-Superjur Ġenerali żar ukoll l-istituzzjoni ta’ FAITH Colleges fil-belt ta’ Tanauan, fejn is-soċji ġew impjegati f’Lulju tal-2025 bħala għalliema fil-livell post-sekondarju tal-FAITH Catholic School u fl-International Baccalaureate. Huwa ltaqa’ mas-Sur Arnold Catapang, Prinċipal tal-iskola, u wera l-apprezzament tiegħu għall-fiduċja u l-appoġġ kontinwu tal-kulleġġ lis-Soċjetà.
Fuq stedina tal-Arċisqof Garcera, il-membri u s-Superjur Ġenerali attendew għal quddiesa ta’ radd il-ħajr nhar il-Ħadd, 10 t’Awwissu, 2025, fl-okkażjoni ta’ għeluq it-93 sena tal-Kardinal Gaudencio Rosales, Arċisqof emeritu ta’ Lipa u Manila. Iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika tmexxiet mill-Kardinal Jose Advincula, Arċisqof ta’ Manila, flimkien mal-Kardinal Rosales, il-Kardinal Pablo Virgilio David, in-Nunzju Appostoliku Charles Brown u l-Arċisqof Garcera, flimkien ma’ isqfijiet oħrajn.
Fi tmiem il-ġimgħa, is-Superjur Ġenerali attenda għas-sessjonijiet kateketiċi li tmexxew mis-soċji fil-parroċċa ta’ Marawoy, bi tħejjija għall-magħmudija mal-ġenituri u sessjonijiet oħrajn kateketiċi għall-adulti. Apparti minn hekk, kien hemm mumenti ta’ qsim bejn is-Superjur Ġenerali u l-membri, flimkien ma’ okkażjonijiet oħrajn iktar informali, bħaż-żjara għaċ-ċentru tal-pellegrinaġġi Marian Orchard, f’Balete.
Niżżu ħajr lis-Sinjur Alla għal din iż-żjara li kompliet issaħħaħ ir-rabtiet bejn il-qasam ta’ Lipa u l-amministrazzjoni tas-Soċjetà, u serviet ta’ tħeġġiġa għat-tkomplija tal-missjoni tal-Mulej f’dan il-qasam ġdid.
