Is-Superjur Ġenerali u l-Assistent Superjur Ġenerali żaru l-qasam ta’ Puente Piedra, il-Perù, mill-4 sat-13 ta’ Awwissu 2026. Matul iż-żjara tagħhom, huma qattgħu ħin mal-membri, iltaqgħu maż-żgħażagħ li jattendu regolarment il-qasam, kif ukoll ma’ dawk li jikkollaboraw mill-qrib mal-membri fl-appostolat tagħhom, b’mod partikulari mal-kappillani tal-parroċċi tal-madwar.
Numru ta’ laqgħat kienu ddedikati għall-formazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ. Is-Superjur Ġenerali u l-Assistent Superjur Ġenerali mexxew riflessjonijiet u sessjonijiet ta’ mistoqsijiet u tweġibiet, li taw lill-parteċipanti l-opportunità li jiskopru aktar dwar is-Soċjetà Museumina, l-ispiritwalità, il-vokazzjoni u l-missjoni tagħha. Waħda mill-aktar serati mistennija kienet dik tal-Ġimgħa, 7 ta’ Awwissu, meta ż-żgħażagħ inġabru biex jitolbu l-Vestis Honoris u wara riflessjoni mis-Superjur Ġenerali għamlu logħba futbol flimkien.
Laqgħa sinifikanti kienet dik mal-Isqof ta’ Carabayllo, l-Eċċ. Tiegħu Mons. Neri Menor Vargas OFM, li matulha kien hemm qsim dwar il-ħidma tal-qasam u l-kontribut li qed jagħti lill-Knisja lokali.
Nhar il-Ħadd, 9 ta’ Awwissu, ġiet organizzata ħarġa għal Lomas de Primavera għat-tfal u l-adolexxenti, flimkien mal-ġenituri tagħhom. Din il-ġurnata offriet ambjent informali ta’ fraternità u għenet biex jissaħħu r-rabtiet bejn il-familji.
Mument importanti ieħor kien iż-żjara fl-Istitut Edukattiv Sagrado Corazón, fejn wieħed mill-membri huwa għalliem. Wara li ltaqgħu mal-amministrazzjoni tal-iskola, is-Superjur Ġenerali u l-Assistent Superjur Ġenerali żaru diversi klassijiet u tkellmu mal-istudenti dwar il-vokazzjoni Museumina u l-mixja tad-dixxerniment vokazzjonali.
Ejjew inkomplu nitolbu għall-membri li qed jaqdu l-missjoni tagħhom f’Puente Piedra u għat-tfal, l-adolexxenti u l-familji kollha li huma jakkumpanjaw. Jalla l-Mulej isaħħaħhom fil-missjoni tagħhom u jagħmel li l-appostolat tagħhom ikun xhieda qawwija tal-Evanġelju.


