Is-Superjur Tonio Callus, il-Membri Mario Bezzina u Mario Borg flimkien mal-Kandidati Michael Ndichu, Michael Baabu u Peter Kairu żaru l-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa f’Rang’ala. Matul is-snin li għaddew, din kienet ir-raba’ żjara tas-Soċjetà fil-Parroċċa ta’ Rang’ala f’Siaya. Il-parroċċa hija parti mid-Djoċesi ta’ Kisumu u tinsab diversi mili ‘l bogħod minn Ruiru.
Il-Membri kienu ospitati minn Dun Matthews Omogo, il-kappillan. Fis-26 ta’ Settembru, il-grupp ivvjaġġa lejn il-Parroċċa ta’ Magadi fejn iltaqa’ ma’ Dun Vincent Ouma Odundo, il-Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Kisumu. Waqt il-laqgħa l-Membri introduċew s-Soċjetà u l-kariżma tagħha lil Dun Vinċenz, li rrifletta fuq ir-rwol tas-Soċjetà biex tissalvagwardja kemm it-tfal kif ukoll il-fidi kattolika.
Il-Membri żaru kemm St Claire Rang’ala Primary Girls School kif ukoll Rang’ala Primary Boys School diversi drabi. Permezz tal-kuntatti stabbiliti, il-Membri kellhom laqgħat ma’ xi bniet u subien li bħalissa qed jippreparaw biex jitgħammdu. Żaru wkoll l-isptar immexxi mis-Sorijiet Franġiskani ta’ San Ġużepp magħrufa wkoll bħala s-Sorijiet Asumbi. It-Tlieta 25 ta’ Settembru, il-Membri organizzaw ukoll seminar għall-katekisti tal-parroċċa.
Minbarra li tkompli ssaħħaħ il-kuntatti mal-parroċċa tat-Trinità Qaddisa f’Rang’ala, is-Soċjetà tkompli tiddixxerni jekk eventwalment hix se twaqqaf Qasam ġdid f’din il-parroċċa.