Nhar is-Sibt, 5 ta’ April 2025, il-Kandidati organizzaw ċelebrazzjoni tar-Randan fiċ-Ċentru tal-Konferenzi DĦS, bit-tema Wiċċ imb Wiċċ. Għal din l-attività, il-kandidati stiednu lill-familji tagħhom biex jieqfu u jirriflettu fuq ir-realtà li xi darba lkoll se niltaqgħu ma’ Ġesù wiċċ imb’wiċċ.
Waqt iċ-ċelebrazzjoni, dawk preżenti pparteċipaw fi tliet stazzjonijiet, fejn f’kull wieħed kellhom l-opportunità li jirrifletti fuq karattru li ltaqa’ ma’ Ġesù waqt ir-rakkont tal-Passjoni. L-attività laħqet il-qofol tagħha bl-Adorazzjoni ta’ Wiċċ Kristu, talba miktuba minn San Ġorġ Preca.
Matul dan il-mument ta’ talb, kulħadd kien mistieden jikkontempla x-xbieha tal-wiċċ ta’ Ġesù u jimmedita fuq l-imħabba bla limitu tiegħu għal kull wieħed minnhom. Bħala ġest ta’ adorazzjoni, dawk kollha preżenti telgħu jbusu x-xbieha tal-wiċċ ta’ Ġesù.
Fi tmiem l-attività, is-Superjur Ġenerali qasam ir-riflessjoni tiegħu. Iċ-ċelebrazzjoni ġiet fi tmiemha fil-ġnien taċ-ċentru b’ħin soċjali.