Mid-29 ta’ Awwissu sat-13 ta’ Settembru 2026, tliet membri mid-Delegazzjoni ta’ Malta u Għawdex żaru l-oqsma ta’ Durrës u Korçë, fl-Albanija.
Matul iż-żjara tagħhom, Gilbert Borg, Wayne Borg u Joseph Mizzi qattgħu żmien mal-membri li qed jaqdu l-missjoni tagħhom fl-Albanija u ħadu sehem fl-appostolat li qed isir fiż-żewġ oqsma. Din iż-żjara tathom l-opportunità li jesperjenzaw aktar mill-qrib il-missjoni tal-Soċjetà u l-ħajja ta’ kuljum mal-membri.
Waqt li kienu fl-Albanija, iltaqgħu ma’ missjunarji minn kongregazzjonijiet reliġjużi oħra u qasmu flimkien esperjenzi tal-ħajja missjunarja u tal-appostolat. Żaru wkoll postijiet ta’ importanza spiritwali u reliġjuża u taw sehemhom f’xogħol prattiku kemm fl-oqsma kif ukoll fi Preca College.
Gilbert, Wayne u Joseph huma tlieta mill-ħames membri li ġew inkorporati f’Diċembru li għadda. Iż-żmien tagħhom fl-Albanija tahom opportunità siewja biex ikomplu japprofondixxu l-esperjenza tagħhom tad-dimensjoni missjunarja tas-Soċjetà permezz tas-servizz, il-ħajja komunitarja u l-laqgħat ma’ dawk impenjati fil-missjoni tal-Knisja.
Irroddu ħajr lil Alla għal din l-esperjenza u nżommu lil Gilbert, Wayne u Joseph fit-talb tagħna. Jalla ż-żmien li qattgħu fl-Albanija jħalli l-frott fil-ħajja u l-vokazzjoni tagħhom. Nitolbu wkoll biex is-Sinjur Alla jbierek l-appostolat taż-żewġ oqsma fl-Albanija.


