Nhar is-Sibt, 6 ta’ Diċembru 2025, il-familji tal-pre-kandidati u l-kandidati, iltaqgħu fiċ-Ċentru tal-Konferenzi Dar il-Ħanin Samaritan għal attività bit-tema: U Sar Bniedem. Għal din il-laqgħa, il-kandidati ħejjew filmat sabiħ fejn wrer kemm il-Milied isib is-sinifikat tiegħu fis-sempliċità u fl-affarijiet ċkejknin tal-ħajja. Fit-twelid ta’ Ġesù naraw lil Alla nnifsu jiċċekken biex ma nibżgħux nersqu lejh.
Fil-laqgħa ġew ipprezentati tliet mudelli li juru kif wieħed jista’ jsir qaddis permezz ta’ azzjonijiet ċkejknin magħmula b’ħafna mħabba fil-ħajja sempliċi ta’ kuljum. San Lwiġi Martin bħala mudell għall-missirijiet, Santa Gianna Berretta Molla bħala mudell għall-ommijiet u San Pier Giorgio Frassati bħala mudell għaż-żgħażagħ.
Fi tmiem il-laqgħa, is-Superjur Ġenerali qasam il-messaġġ tiegħu lill-kandidati u lill-ġenituri tagħhom. Huwa talab lill-ġenituri biex jitolbu għall-uliedhom li huma kandidati biex ikomplu jagħmlu l-ġid fis-Soċjeta Museumina.
Wara, kulħadd ingħaqad għal ftit ħin soċjali filwaqt li qasmu l-awguri tal-Milied.

