Nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ottubru 2026, is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, b’kollaborazzjoni ma’ Radju Marija Malta, organizzat serata speċjali fl-Awditorju, il-Blata l-Bajda, biex tniedi t-traduzzjoni bil-Malti tal-ktieb Il segreto di mio figlio: Perché Carlo Acutis è considerato un santo, miktub minn Antonia Salzano Acutis, omm San Carlo Acutis. L-edizzjoni bil-Malti, bit-titlu Is-Sigriet ta’ Ibni, ġiet ippubblikata minn Pubblikazzjoni Preca.
Din l-attività laqqgħet flimkien adulti u adolexxenti biex jirriflettu fuq il-ħajja u l-ispiritwalità ta’ dan il-qaddis żagħżugħ, filwaqt li ħadu ispirazzjoni minn kliemu: “Li nkun qrib ta’ Ġesù, dak hu l-proġett ta’ ħajti.” Il-laqgħa bdiet b’mument ta’ talb, għanja u filmat li wera l-mixja ta’ Carlo lejn il-qdusija. Dun Antoine Borg, Direttur ta’ Radju Marija Malta, imbagħad tkellem dwar l-ispirazzjoni wara l-pubblikazzjoni tal-edizzjoni bil-Malti u l-importanza li l-istorja ta’ Carlo tasal għand udjenza aktar wiesgħa.
Wieħed mill-mumenti ewlenin tas-serata kien il-parteċipazzjoni diretta permezz ta’ kollegament online ma’ Antonia Salzano Acutis, li wieġbet għal mistoqsijiet imħejjija minn adolexxenti li jattendu l-laqgħat ta’ formazzjoni fil-fidi tas-Soċjetà. Il-mistoqsijiet tagħhom esploraw diversi aspetti mill-ħajja ta’ Carlo, fosthom l-użu tiegħu tat-teknoloġija, il-fidi tiegħu waqt it-tbatija, id-devozzjoni tiegħu lejn l-Ewkaristija, il-ħajja tiegħu ta’ kuljum u l-messaġġ li l-eżempju tiegħu jwassal liż-żgħażagħ tal-lum.
Il-programm kien jinkludi wkoll qari ta’ silta mill-ktieb li tirrakkonta l-ġenerożità straordinarja ta’ Carlo mal-foqra, il-morda u dawk li kienu jesperjenzaw is-solitudni. Dawn it-tifkiriet personali u kommoventi wrew kif l-imħabba profonda tiegħu lejn Ġesù kienet tissarraf f’ġesti sempliċi ta’ tjubija, kompassjoni u interess ġenwin lejn l-oħrajn.
Is-serata ntemmet b’messaġġ mis-Superjur Ġenerali, segwit minn kliem ta’ ringrazzjament lil dawk kollha li taw sehemhom fil-pubblikazzjoni tal-ktieb u fl-organizzazzjoni ta’ din l-attività. Din il-laqgħa serviet bħala tfakkira qawwija, b’mod partikulari għaż-żgħażagħ, li l-qdusija tista’ tintlaħaq fil-ħajja ta’ kuljum permezz ta’ ħbiberija mill-qrib ma’ Ġesù, devozzjoni lejn l-Ewkaristija u servizz ġeneruż lejn l-oħrajn.
Inroddu ħajr lil Alla għal din l-okkażjoni tassew sabiħa!


