Nhar it-Tlieta 5 ta’ Awwissu 2025, il-membru Michael Debono, ta taħdita għall-pubbliku fil-Qasam tan-Nadur. It-tema magħżula kienet ‘Dal-lejl kont in-Nadur fl-ispirtu..’: ir-rabta ta’ San Ġorġ Preca man-Nadur.
Michael ibbaża t-taħdita tiegħu fuq riċerka li għamel matul dawn l-aħħar snin fuq il-korrispondenza bejn San Ġorġ Preca u s-Superjura Rakeli Camilleri, l-arkivji tas-Soċjetà, tal-parroċċa tan-Nadur u dawk tal-familja Camilleri fost l-oħrajn. Kien permezz ta’ Rakeli li s-Soċjetà xterdet f’Għawdex fl-1915.
Il-punti ewlenin fit-taħdita kienu l-ħbiberija li nibtet bejn il-Fundatur u l-familja Camilleri, tant li kienu jospitawh meta kien jitla’ Għawdex, is-sostenn li ta lil Rakeli fit-twaqqif tas-Soċjetà f’Għawdex, l-għajnuna lill-familja tagħha fi żminijiet iebsin u r-rabta mal-parroċċa tan-Nadur.
Permezz ta’ din it-taħdita tassew riċerkata, intefa’ iktar dawl fuq ir-rabta ta’ San Ġorġ Preca mar-raħal tan-Nadur.
