Mill-Ġimgħa 11 sal-Ħadd 13 ta’ Settembru 2026, għaxar kandidati ħadu sehem fi study weekend bit-titlu An Open Book, li sar f’Dar il-Ħanin Samaritan Conference Centre, Santa Venera. Matul dawn il-jiem saret enfasi fuq l-importanza u l-valur tal-qari, kif wieħed jista’ jaqra b’mod effettiv quddiem udjenza, u kif il-qari jista’ jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-formazzjoni personali.
Permezz ta’ sensiela ta’ sessjonijiet u attivitajiet interattivi, il-kandidati esploraw dawn l-aspetti differenti tal-qari u rriflettew fuq id-drawwiet tagħhom fejn jidħol il-qari. Kellhom ukoll l-opportunità jaqsmu bejniethom dwar il-kotba li qed jaqraw bħalissa, kif ukoll dwar dawk li jixtiequ jaqraw fil-futur.
Flimkien mas-sessjonijiet ta’ studju, il-programm inkluda ħin għat-talb u ikliet flimkien, li offrew opportunitajiet kemm għal riflessjoni personali kif ukoll biex tissaħħaħ il-ħajja komunitarja. Il-kandidati kellhom ukoll mumenti ta’ rikreazzjoni, fosthom kwiżż u għawm.
Dan l-istudy weekend kien esperjenza siewja ta’ formazzjoni li għaqqdet flimkien it-tagħlim, ir-riflessjoni, it-talb u l-fraternità, filwaqt li ħeġġet lill-kandidati japprezzaw aktar fil-fond ir-rwol li l-qari jista’ jkollu fil-formazzjoni personali tagħhom.
Inkomplu nitolbu għal dawn iż-żagħżagħ biex jiskopru s-sejħa li qed jagħmlilhom il-Mulej.


