Nhar is-Sibt, 11 ta’ April 2026, lejlet Ħadd il-Ħniena Divina, magħruf ukoll bħala Dominica in albis, is-Superjur Warren Vella, mill-qasam ta’ Durrës, l-Albanija, mexxa riflessjoni kateketika għal grupp ta’ nsara ġodda (neofiti) li tgħammdu waqt il-Velja tal-Għid fl-Arċidjoċesi ta’ Tirana-Durrës. Matul ir-riflessjoni, huma ġew imfakkra fl-importanza li jibqgħu xhieda veri ta’ Sidna Ġesù Kristu, irrispettivament mid-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom.
F’din l-okkażjoni, in-neofiti neħħew il-libsa bajda li libsu fil-Magħmudija tagħhom u poġġewha fuq ir-relikwi tal-Beati martri Albaniżi.
L-Arċidjoċesi ta’ Tirana-Durrës bħalissa qed tesperjenza tiġdid, b’ħafna żgħażagħ jersqu aktar lejn il-Knisja Kattolika permezz ta’ programmi kateketiċi. Fl-2025, kważi 400 żagħżugħ, żagħżugħa u adult ġew mgħammda fl-arċidjoċesi kollha. Nirringrazzjaw lis-Sinjur Alla!


