Ir-Run4Unity 2026 ġabret madwar 300 tifel u tifla, żagħżugħa u żagħżugħ fl-Iskola St Michael Santa Venera għal laqgħa ta’ fraternità Nisranija u xhieda ta’ ħajja impenjata favur il-paċi. L-attività kienet ikkoordinata bejn il-Moviment Focolare u s-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM) bil-parteċipazzjoni tal-komunità Syro-Malabar f’Malta.
Il-parteċipanti bdew b’ħin ta’ kant u talb u wara ġew imqassma fi gruppi biex ħadu sehem f’diversi logħbiet differenti fil-bitħa tal-iskola. Wara waqfa qasira għal ħin ta’ djalogu flimkien, l-attività ntemmet b’Festival tal-Paċi li fih ġew preżentati diversi għanjiet minn gruppi differenti.
Kien ippreżentat ukoll djalogu qasir bejn il-karattri ta’ San Franġisk u s-Sultan Malik El-Kamil bit-tema tas-smigħ ta’ xulxin bħala mezz għall-paċi. Il-laqgħa ntemmet bil-kant tat-talba “Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek.’
Inkomplu nitolbu għall-paċi fid-dinja!


