Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet għall-festa ta’ San Ġorġ Preca, il-membri tal-MUSEUM ġewwa Lipa tellgħu preżentazzjoni dwar il-ħajja tal-Fundatur fir-Residenza San Ġużepp ġewwa Marawoy, Lipa. Din ir-residenza tiġbor fiha għaxar qassisin irtirati, minn ħamsa u sebgħin sena ’l fuq, minn madwar l-Arċidjoċesi ta’ Lipa.
Għal din il-laqgħa, li saret il-Ġimgħa, 23 ta’ Mejju 2025, kienu preżenti seba’ qassisin residentii, flimkien ma’ Fr Joden Tenorio, il-qassis responsabbli mid-dar. Kien hemm ukoll preżenti grupp ta’ seminaristi mis-Seminarju tat-Teoloġija ta’ San Franġisk de Sales, li jinsab fl-istess akkwati. Fil-laqgħa ssemmew diversi punti mill-ħajja ta’ San Ġorġ Preca, partikolarment fl-irwol tiegħu bħala seminarista, saċerdot u fundatur, kif ukoll il-virtujiet ewlenin li joħorġu mill-ispirtu tiegħu.
Il-Kardinal Gaudencio Rosales, bħala wieħed mir-residenti tad-dar, kien preżenti wkoll. Huwa serva bħala Arċisqof ta’ Lipa bejn l-1993 u l-2003, u bħala Arċisqof ta’ Manila bejn l-2003 u l-2011.
Niżżu ħajr lis-Sinjur Alla għal din l-opportunità, li għenet biex il-persuna u l-ispirtu tal-Fundatur ikomplu jiġu mifhuma f’dan l-ambjent ġdid għas-Soċjetà tal-MUSEUM.
