Nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Mejju 2026, ġiet iċċelebrata Quddiesa Solenni ppreseduta mill-Isqof Mons. George Frendo fl-Awditorju, il-Blata l-Bajda, f’ġieħ San Ġorġ Preca, Fundatur tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (SDC).
Il-membri rġiel u nisa tas-Soċjetà, flimkien mal-assoċjati u membri tal-pubbliku, attendew għal din iċ-ċelebrazzjoni b’radd il-ħajr lil Sinjur Alla għall-barkiet kollha li xerred fuq id-dinja permezz tal-persuna ta’ San Ġorġ Preca.
Fl-omelija tiegħu, l-Isqof Frendo enfasizza l-virtujiet tal-umiltà u tal-ħlewwa li tant kienu jispikkaw fil-ħajja ta’ San Ġorġ Preca u ħeġġeġ lill-kongregazzjoni biex timitah. Kif kien jgħid San Ġorġ Preca nnifsu, li id-devozzjoni vera lejn il-qaddisin tinsab fl-imitazzjoni tagħhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. L-Isqof Frendo enfasizza wkoll l-importanza li San Ġorġ Preca kien jagħti biex kull għemil tajjeb isir b’intenzjoni retta, jiġifieri biex f’kollox nogħġbu lil Alla.
Iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika kienet animata bil-mużika u innijiet.
Fi tmiem il-Quddiesa, is-Superjur Ġenerali indirizza lill-kongregazzjoni u saħaq li l-Fundatur mhux biss jinsab kuntent bil-preżenza tagħhom, iżda wkoll qed iberikhom mis-sema.
Bl-istess mod, fis-Santwarju ta’ Ta’ Pinu f’Għawdex, ġiet iċċelebrata Quddiesa Solenni oħra mmexxija mill-Isqof Mons. Anton Theuma.
Inroddu ħajr lis-Sinjur Alla għall-grazzji kollha li niżlu fuq tant nies permezz tal-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca fis-skiet. Jalla nkomplu naħdmu biex nikbru fil-virtujiet tal-umiltà, tal-ħlewwa u tal-intenzjoni retta.


