Fil-quddies tas-6:30 am nhar is-Sibt, 10 ta’ Mejju 2025 fil-Parroċċa ta’ Santo Niño f’Marawoy, Lipa, ġiet iċċelebrata l-festa ta’ San Ġorġ Preca. Din kienet l-ewwel quddiesa ddedikata lill-Fundatur tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija fl-Arċidjoċesi ta’ Lipa. Il-kappillan Fr Jayson Siapco qaddes bit-Tagalog, assistit mid-djaknu Rev Joshua Garcia.
Apparti l-qari u t-talb liturġiku marbut mal-ħajja u l-viżjoni tal-Fundatur, Fr Jayson qasam mal-kongregazzjoni omelija mħejjija bi ħsieb, fejn ippreżenta lil San Ġorġ Preca bħala saċerdot li ppromwova l-parteċipazzjoni tal-lajċi fil-missjoni tal-Knisja, speċjalment fil-katekeżi u l-evanġelizzazzjoni. Tenna l-konvinzjoni tal-Fundatur li x-xandir tal-Aħbar it-Tajba mhuwiex ristrett għall-kleru, imma huwa miftuħ għall-Insara kollha, permezz ta’ kliemhom u għemilhom. Fr Jayson semma wkoll l-irwol tal-Fundatur fl-iżvilupp tal-misteri tad-dawl fir-Rużarju, u ħeġġeġ lill-kongregazzjoni biex issir devota ta’ dan il-qaddis Malti.
Fi tmiem il-quddies, il-membri tas-Soċjetà qassmu fuljetti lil dawk preżenti, b’informazzjoni dwar il-ħajja tal-Fundatur, kif ukoll talba meħuda mis-Sitt Apostrofi lil Alla, miktuba minn San Ġorġ Preca u maqluba għat-Tagalog.