Għat-tieni sena konsekuttiva is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM) organizzat PrecaFest nhar l-Erbgħa 6 ta’ Mejju 2026 fl-Iskola St Michael, Santa Venera. Għal din l-attivtà, jinġabru flimkien il-membri rġiel u nisa flimkien mal-koperaturi u l-assoċjati tas-Soċjetà Museumina. It-tema ta’ din is-sena kienet Sibna Xortina!
Qabel ma mexxa t-talba tal-bidu, is-Superjur Ġenerali, introduċa l-laqgħa billi qasam messaġġ fejn enfasizza is-sbuħija tal-imħabba u l-għaqda fost dawk li jridu jħobbu lil Ġesù u jkunu dixxipli tiegħu. Bħala familja Museumina, din hija wkoll is-sejħa li qed jagħmlilna Ġesù.
Il-membri Vince Meli u Phyllis Falzon, qassmu esperjenza personali tal-Fundatur u riflessjoni dwar kif il-laqgħa tagħhom mal-Fundatur ħalliet effett fuq il-ħajja tagħhom.
Wara dawn ir-riflessjonijiet, kien hemm ħin ta’ adorazzjoni u talb quddiem Ġesù Ewkaristija u ingħatat il-barka immexxija minn Fr Daniel Galea O. Carm.
Is-Superjura Ġenerali qassmet il-messaġġ tagħha fl-aħħar tal-okkażjoni u mexxiet t-talba tal-għeluq.
L-attività intemmet b’ħin soċjali flimkien.


