Il-membri u l-kandidati kollha tad-Delegazzjoni ta’ Malta u Għawdex, flimkien mal-membri tal-gruppi assoċjati tas-Soċjetà, kienu mistiedna jattendu l-PrecaFest 2025 nhar l-Erbgħa, 7 ta’ Mejju 2025, fl-Iskola St Michael. Bit-tema San Ġorġ Preca: Sinjal ta’ Tama, l-attività kienet immirata biex tiġbor flimkien il-gruppi kollha fi ħdan is-Soċjetà sabiex tiċċelebra l-ħajja tal-Fundatur, ftit jiem qabel il-festa liturġika ta’ San Ġorġ Preca nhar id-9 ta’ Mejju 2025.
Permezz tal-mużika u tal-qsim ta’ esperjenzi personali, il-parteċipanti ġew imħeġġa jirriflettu fuq il-grazzji li rċevew permezz tal-impatt li San Ġorġ Preca ħalla fuq ħajjithom. Fost dawk preżenti kien jinħass b’mod qawwi spirtu ta’ gratitudni lejn is-Sinjur Alla. L-attività ntemmet b’mument ta’ soċjalizazzjoni fi spirtu ta’ fraternità.