Mill-Ġimgħa 25 sal-Ħadd 27 ta’ Settembru 2026, il-membri tal-qasam ta’ St Albans organizzaw il-Preca Family Weekend f’Anglesea, Victoria. B’kollox ħadu sehem 55 persuna li kellhom l-opportunità jqattgħu ħin sabiħ flimkien bħala komunità permezz tat-talb, formazzjoni fil-fidi, rikreazzjoni u esperjenzi informali flimkien.
Il-weekend beda l-Ġimgħa filgħaxija b’laqgħa madwar is-Salib u adorazzjoni lill-Pjagi ta’ Kristu. Il-parteċipanti ġew mistiedna jirriflettu u jaqsmu ma’ xulxin xi jfisser is-Salib fil-ħajja tagħhom. Dan kien mument sabiħ ta’ talb u riflessjoni.
Is-Sibt u l-Ħadd filgħodu, il-membri mexxew lill-komunità fit-talb, b’riflessjonijiet fuq il-gratitudni għall-ħafna barkiet li Alla jagħtina fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Is-Sibt filgħodu saru wkoll sessjonijiet ta’ formazzjoni fil-fidi għall-etajiet differenti, li taw lil kulħadd l-opportunità li jkompli jikber fil-fidi b’mod adattat għall-età tiegħu.
Iż-żgħażagħ kellhom sehem importanti matul il-weekend, billi ħadu ħsieb jorganizzaw logħob u divertiment għall-adolexxenti u t-tfal. Kien hemm ukoll ħafna ħin għar-rikreazzjoni, b’attivitajiet fosthom basketball, volleyball, archery u ċess. Is-Sibt filgħaxija, kulħadd inġabar flimkien biex jara film addattat għall-familja b’messaġġ sabiħ u ta’ ispirazzjoni.
L-Ewkaristija kienet fil-qalba tal-weekend, bil-grupp jingħaqad mal-komunità lokali għall-Quddiesa fil-Knisja ta’ San Kristofru. Din kienet opportunità oħra speċjali biex kulħadd jinġabar flimkien fit-talb u r-radd il-ħajr.
L-ambjent sabiħ tal-madwar kompla jsebbaħ din l-esperjenza. Il-post, li jinsab qrib il-Great Ocean Road fuq il-kosta tan-Nofsinhar ta’ Victoria, offra lill-parteċipanti l-opportunità li jgawdu n-natura Awstraljana, imdawrin bis-siġar, l-annimali indiġeni u l-ħajja selvaġġa tal-post.
Kontribut importanti ngħata wkoll mill-ġenituri li b’mod ġeneruż offrew ruħhom biex jippreparaw l-ikel matul il-weekend. Id-dedikazzjoni u s-servizz tagħhom għenu biex tinħoloq atmosfera familjari, sabiħa u akkoljenti għal dawk kollha preżenti.
Il-familji li attendew esprimew il-gratitudni tagħhom għall-opportunità li jaqsmu flimkien weekend daqshekk sinifikanti u wrew ix-xewqa tagħhom għal laqgħat simili fil-futur.
Inroddu ħajr lil Alla għall-ħafna barkiet li l-parteċipanti rċew matul dawn il-jiem u għal dawk kollha li taw sehemhom b’modi differenti biex il-Preca Family Weekend ikun esperjenza sabiħa ta’ fidi, fraternità u komunità.


