Il-membri tal-Qasam ta’ Brompton, Adelaide (South Australia), organizzaw il-Preca Family Weekend mill-Ġimgħa 10 sal-Ħadd 12 ta’ Lulju 2026 fid-Dzintari Latvian Camp Site, Yankalilla. It-tema magħżula kienet Inħobbu lil xulxin b’imħabba kbira.
Il-weekend beda bl-ikla ta’ filgħaxija, talb, sessjoni introduttorja u film. Kemm il-kbar kif ukoll it-tfal ħadu gost jaraw il-film The Sheep Detectives.
Is-Sibt filgħodu saru workshops separati għall-ġenituri, iż-żgħażagħ u t-tfal. Il-Ħadd saru laqgħat ta’ riflessjoni għall-ġenituri u għaż-żgħażagħ adulti, filwaqt li t-tfal ħadu sehem fit-tieni workshop. Il-membri Maltin li bħalissa jinsabu l-Awstralja mexxew il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-laqgħat
Is-Sibt filgħaxija, id-Delegat John Micallef mexxa laqgħa għall-familja kollha, u stieden lil kull familja biex, permezz ta’ konversazzjonijiet fl-Ispirtu’, tirrifletti dwar x’inhi r-rieda t’Alla għaliha.
Il-programm kien jinkludi wkoll ħin għat-talb, adorazzjoni fis-skiet f’kappella mħejjija apposta għall-okkażjoni, logħob għaż-żgħażagħ, u quddies. Is-Sibt wara nofsinhar, il-Companions in Mission organizzaw treasure hunt għaż-żgħażagħ, u kwizz wara l-ikla ta’ filgħaxija.
Din hi l-għaxar sena minn meta sar l-ewwel Weekend tal-Preca Families fl-Awstralja.


