Nhar it-Tnejn, 21 ta’ Lulju 2025, il-membri tal-Qasam ta’ Ħ’Attard organizzaw pellegrinaġġ lejn il-Kappella tal-Madonna tal-Midalja Mirakoluża. Tfal, żgħażagħ, ġenituri u parruċċani ingħaqdu flimkien għal din l-okkażjoni.
Il-pellegrinaġġ beda b’talb u riflessjonijiet ispirati mill-Fundatur, b’enfasi fuq il-virtù tat-tama. Wara, il-Kappillan, Dun Joseph Grech qaddes quddiesa. Fil-omelija l-Kappillan irrifletta fuq il-ħajja u l-missjoni ta’ San Ġorġ Preca, u enfasizza d-dedikazzjoni tiegħu biex ixerred l-Aħbar it-Tajba, waqt li ħeġġeġ lil dawk kollha preżenti biex jimxu fuq l-eżempju tiegħu.
Wara l-Quddiesa, il-pellegrini żaru l-Awditorju u ċ-Ċentru ta’ Formazzjoni għall-Kandidati fid-Dar Ġenerali tas-Soċjetà. L-attività ntemmet b’bibita f’atmosfera ta’ ħbiberija.
