Il-membri tas-Soċjetà tal-MUSEUM fil-Filippini ħejjew ħames laqgħat ta’ formazzjoni għar-Randan, f’kollaborazzjoni mal-Parroċċa ta’ Nuestra Señora de la Soledad f’Darasa, Tanauan. Saru ħames laqgħat, kull nhar ta’ Sibt bejn it-28 ta’ Frar sat-28 ta’ Marzu. Dawn kienu mmirati għaż-żgħażagħ ta’ bejn tlettax u ħmistax-il sena u t-tema li ntgħażlet kienet Nimxu ma’ Ġesù matul ir-Randan. Kull ġimgħa, ir-riflessjonijiet li nqasmu kienu marbutin mal-Vanġelu ta’ dak il-Ħadd partikolari.
Iktar minn 120 żagħżugħ u żagħżugħa attendew għal imqar sessjoni waħda, u għal kull laqgħa kien hemm medja ta’ madwar 60 parteċipant u parteċipanta. Kull darba, il-laqgħa kienet tibda b’ħin ta’ logħob, fejn iż-żgħażagħ, ġejjin minn skejjel u żoni differenti, ingħataw l-opportunità li jitħalltu ma’ xulxin, fis-sala tal-parroċċa stess. Waqt is-sessjonijiet infushom, dawk preżenti pparteċipaw billi qraw siltiet mill-Vanġelu, qasmu r-riflessjonijiet tagħhom u ħadu sehem fi quizzes. Kull sessjoni kienet tintemm b’ħin ta’ soċjalizzazzjoni, u l-parroċċa pprovdiet ftit ikel għal kull min kien involut.
Bi tħejjija għall-Ġimgħa Mqaddsa, fl-aħħar saru mumenti talb ispirati mit-tradizzjoni Museumina, bħall-eżerċizzju memorjali li nkiteb minn San Ġorġ Preca. Fl-aħħar sar eżami tal-kuxjenza bi preparazzjoni għall-qrar, madwar Wiċċ Kristu, devozzjoni tant għal qalb il-membri tas-Soċjetà tal-MUSEUM.
Nirringrazzjaw b’mod speċjali lil Fr Darwin de Leon, kappillan tal-parroċċa, lil Kuya Leo u t-tim tiegħu li jieħdu ħsieb iż-żgħażagħ tal-parroċċa, u lil Ate Maria Victoria li dejjem laqgħetna b’idejn miftuħa u b’ikel bnin. Fuq kollox, niżżu ħajr lis-Sinjur Alla, ta’ din l-opportunità li nivvjaġġaw miegħu tul dan l-istaġun qaddis.


