Ispirata mis-sejħa tal-Papa Franġisku biex il-Mediterran ikun spazju ta’ paċi, djalogu, u laqgħat, MED25 hija inizjattiva mmexxija minn żgħażagħ minn madwar ir-reġjun tal-Mediterran. Fil-Kuntest tal-Ġublew tat-Tama, MED25 huwa vjaġġ edukattiv orjentat lejn iż-żgħażagħ abbord ‘vapur ta’ taħriġ għall-paċi’ bl-isem ‘Bel Espoir’ (Tama Sabiħa) li jaqsam il-Baħar Mediterran, iżur 30 djoċesi tul ix-xtut tiegħu minn Marzu sa Ottubru 2025. Billi jospita madwar 200 żagħżugħ u żagħżugħa minn sfondi kulturali u reliġjużi diversi, il-vjaġġ għandu l-għan li jrawwem id-djalogu interreliġjuż, il-fehim reċiproku, il-paċi, u s-solidarjetà.
Mill-4 ta’ Awwissu sas-6 ta’ Awwissu, 2025, il-vjaġġ MED25 Bel Espoir ġabar flimkien vuċijiet ta’ żgħażagħ mill-Mediterran biex jikkonfrontaw ir-realtajiet urġenti tal-immigrazzjoni. Ankrata fil-port tal-belt ta’ Durrës, l-Albanija, is-sessjoni esplorat l-istejjer umani wara l-immigrazzjoni, filwaqt li enfasizzat id-dinjità, l-ospitalità, u r-responsabbiltà.
Il-membru tas-Soċjetà, Warren Vella, kien parti mit-tim organizzattiv ta’ din l-attività. Il-programm inkluda żjarat f’diversi postijiet ta’ qima f’Tirana u Durrës, u laqgħat ma’ awtoritajiet u organizzazzjonijiet differenti li jittrattaw l-immigrazzjoni fl-Albanija.
Din l-inizjattiva ntemmet b’workshop iffaċilitat minn Warren Vella flimkien ma’ diversi voluntiera żgħażagħ Albaniżi. Il-workshop, permezz ta’ attivitajiet interattivi, għen lill-parteċipanti biex ikollhom ħarsa aktar fil-fond lejn l-immigrazzjoni u biex ikollhom rwol aktar attiv biex ikollna dinja aktar ġusta fejn id-dinjità ta’ kull persuna umana tkun fiċ-ċentru ta’ kollox.
