It-Tlieta, 29 ta’ Ottubru 2025, Erik Varden OCSO, Isqof ta’ Trondheim, Norveġja, għamel diskors għall-pubbliku fl-Awditorju tad-Dar Ġenerali tas-Soċjeta tad-Duttrina Nisranija, l-Blata l-Bajda.
Id-diskors, bit-titlu Living by Hope in a Time of Crisis, eżamina kif in-nisrani jista’ jiskopri mill-ġdid it-tama vera filwaqt li jaffaċċja il-biżgħat tad-dinja tal-lum u t-tiġrif taċ-ċiviltà. L-Isqof Varden beda billi jqabbel il-faxxinu li l-bniedem ta’ llum isib fl-immaġini apokalittici mal-viżjoni Nisranija tat-tama bħala pellegrinaġġ lejn is-Sinjur Alla. Huwa sostna li ż-żmien tagħna huwa mmarkata mill-biża’, l-għeja u t-telf ta’ sinnifikat, li jwasslu għal ċiviltà fraġli, maqtugħa mill-fidi u mis-sens tal-ħajja.
Fuq l-eżempju ta’ Oriġeni, Kenneth Clark u San Benedittu, huwa spjega li kull persuna hija ħolqien mikrokożmu u li l-mewt u l-kriżi għandhom jiġu mifhuma mill-perspettiva tal-qawmien ta’ Ġesù. Il-ċiviltajiet jispiċċaw meta jitilfu iċ-ċentru spiritwali tagħhom, imma l-qawmien tagħhom spiss jiġi mill-fidi, kif jidher fil-movimenti monastiċi, mendikanti u mistiċi tal-istorja. San Benedittu, pereżempju, ma bena l-ebda monumenti imma komunitajiet ibbażati fuq il-wegħdi ta’ Kristu u t-tfittxija għall-qdusija.
Id-diskors ta’ Varden huwa sejħa għal kull Nisrani biex jerġa’ jkebbes fih innifsu x-xewqa, l-iskop u l-kreattività permezz tal-fedeltà għall-Evanġelju, tal-qima lejn id-divin u l-azzjonijiejt ta’ karità. It-tama vera, mhix sempliċiment ottimiżmu, imma fiduċja fil-qawwa ta’ Alla li tbiddel. Il-kriżi, mill-għerq Grieg krisis, hija mument ta’ ġudizzju u deċiżjoni, li jistieden lill-bniedem jaġixxi b’dixxerniment u kuraġġ. Il-vokazzjoni Nisranija, għalhekk, hija li wieħed jgħix il-qdusija b’mod viżibbli, biex il-qdusija titkellem hi fejn il-kliem ma jikkonvinċix. F’dinja għajjiena mill-ideoloġija u d-disperazzjoni, meta wieħed jgħix il-qdusija issir xhieda mill-aktar kredibbli.
Varden ikkonkluda billi qal li kull persuna, li fiha jinsab id-dawl ta’ Kristu, hija msejħa biex tbiddel inżul ix-xemx f’żernieq billi ssir sinjal ħaj ta’ tama, paċi u tiġdid.


