Id-69 Laqgħa Ġenerali Annwali (LĠA), li fakkret is-70 sena ta’ appostolat fl-Awstralja, saret fiċ-Ċentru ta’ Spiritwalità Mary MacKillop f’Baulkham Hills (Sydney) mis-7 sal-11 ta’ Jannar 2026.
It-tema tal-LĠA kienet Journeying in Holiness, Teaching with Love, and Building Community. Flimkien mal-membri attendew ħames companions in mission, diversi żgħażagħ, u assoċjat. Din tirrifletti l-element interġenerazzjonali tal-komunità.
Fost il-mistednin kien hemm l-Eċċellenza Tiegħu Mons. Charles Gauci, Isqof ta’ Darwin, il-membru tal-KEĠ Joseph Bonnici, u Alan Bonello, membru tal-kunsill tad-Delegazzjoni ta’ Malta.
Mument sinifikanti tal-LĠA kien pellegrinaġġ fiċ-ċentru ta’ Sydney, fejn il-parteċipanti żaru l-ewwel postijiet fejn beda l-appostolat tas-Soċjetà fl-Awstralja fl-1956. Dan il-pellegrinaġġ offra opportunità biex wieħed jaħseb fuq l-oriġini tal-missjoni tas-Soċjetà u ringrazzjament lis-Sinjur Alla għas-70 sena li għaddew. Ġiet iċċelebrata Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-Knisja ta’ San Franġisk ta’ Assisi, Paddington, immexxija mill-Isqof Gauci.
Il-LĠA kienet okkażjoni mmarkata mhux biss b’ringrazzjament għall-passat iżda wkoll b’sens imġedded ta’ tama u fiduċja għall-futur. Matul din il-laqgħa, il-membri u l-assoċjati ġeddew l-impenn tagħhom lejn il-missjoni tas-Soċjetà.
B’qalb mimlija gratitudni, ejjew nirringrazzjaw lis-Sinjur Alla għal din il-missjoni fl-Awstralja, l-ewwel missjoni tas-Soċejtà lil hinn minn Malta, li kienet mixtieqa u approvata mill-Fundatur, San Ġorġ Preca.

