Mill-Ġimgħa 16 sal-Ħadd 18 ta’ Ottubru 2026, tnax-il kandidat inġabru f’Dar il-Ħanin Samaritan, f’Santa Venera, għall-irtir annwali tagħhom ta’ tmiem il-ġimgħa, bit-tema Let God Surprise You – Opening Our Eyes to God’s Grace. Il-kandidati huma żgħażagħ li għaddejjin minn programm ta’ formazzjoni maħsub biex jgħinhom jagħrfu s-sejħa tagħhom.
L-irtir, li sar f’atmosfera ta’ skiet u talb, kien immexxi minn Dun Jimmy Bonnici, li wassal sensiela ta’ riflessjonijiet dwar il-grazzja ta’ Alla kif tidher fir-rakkonti bibliċi ta’ Ħagar, Ġużeppi, Elija u r-raġel mifluġ ħdejn il-menqgħa ta’ Betsada. Dawn ir-riflessjonijiet stiednu lill-parteċipanti jagħrfu l-preżenza ta’ Alla f’ħajjithom u jiskopru kif l-esperjenzi ta’ dawn il-personaġġi bibliċi għadhom rilevanti għall-mixja personali tagħhom fil-fidi.
Matul tmiem il-ġimgħa, il-kandidati kellhom diversi opportunitajiet għal riflessjoni personali u talb fis-skiet. Il-programm kien jinkludi wkoll ċelebrazzjoni penitenzjali, spazji għat-talb, il-Quddiesa u adorazzjoni Ewkaristika, li għenu lill-parteċipanti japprofondixxu r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla.
L-irtir intemm b’mument ta’ qsim ta’ riflessjonijiet u esperjenzi personali, li matulu l-kandidati ħeġġew lil xulxin biex jibqgħu attenti għall-grazzja ta’ Alla u biex dak li għexu u skoprew matul l-irtir iqegħduh fil-prattika fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.


