Fil-Kappella ta’ Sidtna Marija tal-Midalja Mirakoluża, f’lejlet il-Milied, kienet organizzata velja ta’ talb, fejn numru sabiħ ta’ nies inġabru biex jitolbu u jirriflettu fuq il-misteru tal-Inkarnazzjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Kelma ta’ Alla li saret laħam. Għal min xtaq, waqt dan il-ħin, kien hemm offrut is-servizz tas-Sagrament tal-Qrar.
Wara r-riflessjonijiet, it-talb u l-kant ta’ innijiet tal-Milied, Jeremy Borg għamel il-prietka tradizzjonali tat-tifel.
Il-Quddiesa tal-Milied kienet ikkonċelebrata minn Fr Kevin Schembri u Fr Daniel Galea O.Carm. u animata bil-mużika u l-kant tal-Milied. Waqt l-omelija, Fr Daniel qasam ħsieb fuq kemm Alla togħġbu l-umiltà tal-bnedmin li ma jippretendu xejn u jqisu lilhom infushom ċkejknin quddiem il-kobor tas-Sinjur Alla.
Wara l-Quddiesa, kull min attenda kien mistieden fid-Dar Ġenerali għal ftit ħelu u xorb tal-Milied.

