“Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu.” (Galatin 2:20)
Nhar is-Sibt, 22 t’Awwissu 2026, ittellgħet l-ewwel laqgħa għaż-żgħażagħ, minn tmienja ppjanati bl-isem ta’ B’Għeruqna fi Kristu, għaż-żgħażagħ ta’ bejn l-etajiet ta’ 13 u 15-il sena. Il-grupp tlaqqa’ fis-sala parrokkjali ta’ Nuestra Señora de la Soledad, f’Darasa, Tanauan City, u għal din l-ewwel laqgħa, attendew madwar 53 żagħżugħ u żagħżugħa.
Jekk is-Sinjur Alla jrid, matul dawn il-laqgħat, il-parteċipanti għandhom jidħlu iktar fil-fond tat-tema prinċipali billi jesploraw it-trawwim ta’ sens ta’ identità Nisranija, l-appartenenza u l-komunità f’Ġesù. Dan iwassal għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet sani li permezz tagħhom nistgħu ngħixu l-vokazzjoni u l-missjoni li ngħatajna mis-Sinjur Alla.
Din is-sensiela ta’ inkontri qiegħda tittella’ b’kollaborazzjoni ma’ Kuya Leo Carandang, il-koordinator taż-żgħażagħ fil-parroċċa. Huwa jkompli jkun ta’ spalla għall-membri wara li assistiehom fit-tmexxija tal-laqgħat li kienu saru fir-Randan iktar kmieni dis-sena.
Kull laqgħa ta’ formazzjoni tibda b’ħin ta’ logħob li jibni u jsaħħaħ il-ħbiberiji ta’ bejn il-parteċipanti żgħażagħ, li uħud minnhom qed jiltaqgħu għall-ewwel darba. Wara li l-laqgħa tagħlaq b’mument riflessiv ta’ talb, dawk preżenti huma mistiedna biex jieklu xi ħaġa ħafifa mħejjija mill-parroċċa.
Bit-tama u l-gratitudni f’qalbna, nitolbu li dan l-appuntament ta’ kull nhar ta’ Sibt maż-żgħażagħ iħalli l-frott meħtieġ u jagħti glorja lis-Sinjur Alla.


