Il-membri li qed jiċċelebraw il-50, is-60 u s-70 anniversarju tal-inkorporazzjoni tagħhom (sħubija sħiħa) fis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (SDC) nġabru għal laqgħa ta’ radd il-ħajr f’Dar il-Ħanin Samaritan, f’Santa Venera, nhar it-Tnejn, 29 ta’ Diċembru 2025.
Il-programm kien jinkludi riflessjonijiet meħuda mill-kitbiet tal-Fundatur, San Ġorġ Preca, u tal-ewwel Superjur Ġenerali, Eugene Borg, relatati mal-Vokazzjoni Museumina, kif ukoll, l-identità u l-missjoni tas-Soċjetà. Il-laqgħa offriet ukoll ħin għall-qsim ta’ esperjenza, li matulu l-membri qasmu kif Alla ħadem fihom u permezz tagħhom tul is-snin.
Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr kienet iċċelebrata minn Fr René Vella, li wkoll qed ifakkar il-50 anniversarju mill-inkorporazzjoni tiegħu fis-Soċjetà. Il-laqgħa ntemmet b’ikla fi spirtu ta’ fraternità.

