Fis-17 ta’ Jannar 2026, is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija M.U.S.E.U.M. fakkret l-ewwel anniversarju tal-preżenza tagħha f’Lipa, fil-Filippini. Matul din is-sena, l-erba’ membri tas-Soċjetà saħħew ir-relazzjoni tagħhom mas-saċerdoti u r-reliġjużi u l-Insara tal-komunità lokali, huma u jagħtu xhieda tal-vokazzjoni Museumina bil-preżenza u l-ħidma tagħhom.
Flimkien mal-appostolat li impenjaw ruħhom fih, il-membri ddedikaw ħin għall-istudju tal-lingwa Tagalog, mezz essenzjali għal komunikazzjoni aħjar u katekeżi effettiva.
Wieħed mill-punti ewlenin tas-sena kien l-impenn tal-membri f’FAITH Colleges, fejn ħadu sehem fil-ħajja ta’ kuljum tal-iskola, fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, fil-kollaborazzjoni mal-għalliema, u f’attivitajiet marbuta mal-25 anniversarju ta’ FAITH.
Matul din is-sena l-membri involvew ruħhom fil-Liturġija tal-Ħadd għat-tfal, fit-tħejjija għas-sagramenti mat-tfal u l-ġenituri u l-parrini tagħhom, fil-formazzjoni taż-żgħażagħ, fil-katekeżi għall-adulti, kif ukoll bis-sehem tagħhom f’laqgħat ta’ formazzjoni fuq livell parrokkjali u djoċesan.
Għall-erba’ membri tal-Soċjetà fil-Filippini, is-sena 2025 serviet sabiex jifhmu aktar il-kultura u l-Knisja lokali. Dan jgħin biex jibqa’ jsir id-dixxerniment dwar kif il-ħajja u l-istil tas-Soċjetà Museumina jistgħu jingħaxu fir-realtajiet Filippini, b’għaqal, b’rispett u b’fedeltà.
Deo gratias!


