Il-membri f’Lipa, il-Filippini, ġew mistiedna biex jattendu l-Programm ta’ Formazzjoni għat-Tmexxija għaż-Żgħażagħ IGNITE, imtella’ mill-Kummissjoni Episkopali għall-Evanġelizzazzjoni u l-Katekeżi (ECEC) tal-Konferenza Episkopali Filippina (CBCP) u l-Fondazzjoni Evangelion, bi sħab mal-Istitut Kateketiku tal-Franciscan University ġo Steubenville, fl-Istati Uniti. Il-konferenza tmexxiet bejn it-23 u s-26 ta’ Lulju fiċ-Ċentru Kattoliku Piju XII ġewwa Manila.
Fost dawk li attendew għal-laqgħat kien hemm membri tal-kleru, sorijiet minn kongregazzjonijiet differenti u lajċi impenjati f’bosta ħidmiet fid-djoċesijiet varji tal-Filippini, fosthom Manila, Balanga (Bataan), San Pablo, Jaro (Iloilo), Cebu u Davao. Ħafna mill-membri huma involuti fil-katekiżmu, fl-iskejjel, fil-ħidma maż-żgħażagħ u f’għaqdiet oħrajn bħal Couples for Christ.
Il-kelliem ewlieni għas-sessjonijiet kien Bob Rice, djaknu permanenti u professur fil- Franciscan University. It-tema prinċipali tal-konferenza, IGNITE, ġiet esplorata fil-kuntest tal-formazzjoni ta’ missjunarji taż-żgħażagħ fil-fidi, fil-ħbiberija u fil-missjoni. It-taħditiet kienu bbażati fuq siltiet mill-Bibbja u t-tagħlim tal-Knisja, fosthom id-Direttorju tal-Katekeżi u l-Ittra Appostolika tal-Papa Franġisku Christus Vivit. Apparti l-laqgħat formali, il-parteċipanti ingħataw l-opportunità li jinġabru flimkien għal mumenti ta’ talb, adorazzjoni u ħin soċjali.
Il-membri tas-Soċjetà fil-Filippini jirringrazzjaw ‘l Alla u lill-organizzaturi mill-ECEC għal din l-opportunità. Permezz tagħha, is-soċji setgħu jwessgħu l-orizzonti tagħhom permezz ta’ kuntatti ġodda ma’ realtajiet diversi madwar il-pajjiż. Nitolbu għal din il-ħidma importanti tal-Knisja u sabiex iż-żgħażagħ ikomplu jiġu akkumpjati fil-vjaġġ tagħhom ma’ Ġesù, imsaħħin biex iwettqu r-rieda tiegħu.
