Biex jitfakkar it-28 anniversarju mill-mewt ta’ Gilbert Simiana, żagħżugħ li kien jattendi l-qasam tar-Rabat u li għex ħajja qaddis li tispira mhux biss liż-żgħar imma wkoll lil kbar, ġew iċċelebrati numru ta’ Quddies li fihom tfakkret il-ħajja tiegħu filwaqt li permezz tagħha ingħata tifħir lis-Sinjur Alla tal-grazzji kollha li xerred fuq id-dinja permezz tiegħu.
Fit-28 ta’ Frar u fl-1 ta’ Marzu 2026 saru żewġ Quddiesat fil-Kappella ta’ Sidtna Marija tal-Medalja Mirakoluża, il-Blata l-Bajda. Saret ukoll Quddiesa il-Ħadd filgħodu, fl-1 ta’ Marzu 2026, fil-Bażilika Kolleġġjata ta’ San Pawl, ir-Rabat. Preżenti kien hemm il-membri tal-Grupp Familji SDC flimkien ma’ numru sabiħ ta’ tfal u l-ġenituri tagħhom.
Is-Segretarju Ġenerali qasam messaġġ fuq Gilbert Simiana, li kien mill-istess Parroċċa tar-Rabat, u spjega kif il-ħajja li għex Gilbert hija ta’ ispirazzjoni għal kulħadd biex ikunu dixxiplu awtentiku ta’ Ġesù. Huwa wera wkoll kif Gilbert Simiana huwa mudell għat-tfal u l-adolexxenti biex isiru jafu u jħobbu lil Ġesù sa minn eta’ żgħira.


