Is-Sinjur Alla għoġbu jbierek lis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija b’ħames membri ġodda nhar is-Sibt 27 ta’ Diċembru 2025. Il-membri u l-kandidati, il-magħżulin, il-familjari, u ħbieb tas-Soċejtà, kienu preżenti għaċ-Ċerimonja tal-Inkorporazzjoni biex jitolbu u jirringrazzjaw lil Alla waqt li ħames żgħażagħ, wara snin ta’ formazzjoni, saru membri sħaħ tas-Soċejtà.
Fid-diskors tal-okkażjoni, il-membru Mario Bezzina, fakkar lil dawn iż-żgħażagħ li l-grazzja tal-vokazzjoni, li s-Sinjur Alla qed jagħtihom, se ġġib magħha tlett bidliet fil-ħajja tagħhom. Huma se jiġu immarkati bil-virtù tal-manswetudni, il-virtù tal-ġenitlezza li twassal ukoll għall-maħfra sinċiera tal-proxxmu. Se jingħataw il-grazzja, li permezz tal-ħajja tat-talb bħala membri, se jkollhom l-okkażjoni li jaduraw lis-Sinjur Alla tul il-ħajja tagħhom. U t-tielet bidla hija l-għixien fidil lejn ir-Regola, li mil-lum din se ssir il-gwida tagħhom għall-qdusija.
Iċ-ċerimonja kienet iċċelebrata fi spirtu ta’ ferħ u ta’ talb. Is-Superjur Ġenerali qasam il-messaġġ tiegħu f’din l-okkażjoni sabiħa għas-Soċjetà Museumina, u feraħ u awgura lil dawk il-membri li din is-sena qed ifakkru il-50, is-60 u s-70 sena mill-inkorporazzjoni tagħhom. Nirringrazzjaw lis-Sinjur Alla tagħhom.
Fl-aħħar taċ-ċerimonja, Fr Kevin Schembri, l-Assistent Ekkleżjastiku, wassal il-messaġġ tal-Arċisqof lil dawn il-membri ġodda u awguralhom biex ikunu membri li jwasslu t-tama, il-ħniena u l-paċi.
Filwaqt li nirringrazjaw lis-Sinjur Alla għal dak kollu li qed jagħmel ma’ David Abela, Jake Bezzina, Gilbert Borg, Wayne Borg u Joseph Mizzi, nimpenjaw ruħna li nitolbu għalihom biex jgħix il-vokazzjoni tagħhom b’mod awtentiku u jagħmlu l-ġid permezz tal-vokazzjoni tagħhom fis-Soċjetà.

