Fl-okkażjoni tas-60 anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u s-Santa Sede, in-Nunzjatura Appostolika għal Malta, flimkien mas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM), organizzat taħdita għall-pubbliku bit-titlu “Imberkin il-Foqra, għax huma Xhieda tat-Tama”.
It-taħdita minn Monsinjur Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, saret nhar l-Erbgħa, 19 ta’ Novembru 2025 fl-Awditorju tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM), Blata l-Bajda.
L-Isqof Teuma irrifletta fuq kif aħna bħala Knisja għandna nħarsu lejn il-bnedmin bl-għajnejn ta’ Kristu, jiġfieri, li naraw d-dinjità ta’ dak li hu aktar milli għal dak li jippossedi! Il-fqar huma dawk li jġibulna t-tama tal-Vanġelu. Mhux l-għani se jsalva lill-fqir, imma l-fqir isalva lill-għani. Il-fqir jiftħilna qalbna u jifformaha fuq il-qalb ta’ Kristu. B’hekk ikunu qed inħalluh jagħmilna Nsara tassew.
L-okkażjoni ikkonkludiet b’messaġġ min-Nunżju Appostoliku għal Malta, Mons Savio Hon Tai-Fai.

