“Sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.” (Ġwanni 15:15)
Fuq dan il-vers bibliku nbniet it-tema ċentrali tat-tnax-il edizzjoni tal-Konferenza Filippina fuq l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida (PCNE), imtellgħa fl-aħħar ġimgħa ta’ Lulju 2026 fl-Università ta’ Santo Tomas ġewwa Manila. Il-kelma mil-lingwa Waray għall-ħbiberija, sangkáy, intgħażlet bħala l-motto uffiċjali tal-konferenza, u ġabret fiha l-esperjenza kollettiva tal-parteċipanti, li fosthom kien hemm is-soċji mill-qasam ta’ Lipa.
It-tema tal-ħbiberija fi Kristu ssemmiet spiss minn dawk li mexxew iċ-ċelebrazzjoni tal-quddies jew it-taħditiet. Il-Kardinal Josè Advincula, Arċisqof ta’ Manila, u l-Kardinal Luis Antonio Tagle, Pro-Prefett għad-Dekasteru tal-Evanġelizzazzjoni, kienu fost dawk li indirizzaw lill-udjenza. Eluf ta’ parteċipanti nġabru minn realtajiet diversi tal-gżejjer Filippini, minn varjetà ta’ għaqdiet lajċi u reliġjużi.
Apparti l-laqgħat plenarji, ittellgħu wkoll bosta sessjonijiet fi gruppi iżgħar, li s-soċji setgħu jagħżlu u jattendu għalihom fuq bażi individwali. Il-firxa ta’ temi koperti minn dawn is-sessjonijiet tinkludi l-Missjoni Globali, il-Katekeżi u l-Edukazzjoni Kattolika, Magnifica Humanitas, it-Tmexxija u s-Sinodalità, l-Ekoloġija Integrali u l-Benesseri Mentali.
Il-kunċett ta’ sangkáy ġie rinfurzat mill-konnessjonijiet li saru ma’ katekisti minn djoċesijiet oħrajn. Lil dawn il-katekisti, is-soċji kienu bdew isiru jafuhom permezz tal-korsijiet online li kienu attendew għalihom fi ħdan il-Kummissjoni Episkopali għall-Katekeżi u l-Evanġelizzazzjoni. Apparti minn hekk, din il-konferenza pprovdiet l-opportunità biex il-membri jsaħħu mill-ġdid il-kuntatt tagħhom mas-Sorijiet Ulied il-Qalb ta’ Ġesù (ta’ Nuzzo) u l-komunità tal-MSSP, li għandhom ir-residenzi tagħhom f’Quezon City, fir-reġjun kapitali.
Qalbna mimlija radd il-ħajr lis-Sinjur Alla u r-rigal tiegħu tal-ħbiberija. Tassew minnu l-parir tal-Fundatur, li “min isib ħabib tajjeb, ikun sab teżor.”


