L-Arċidjoċesi ta’ Malta iċċelebrat il-Ġublew tal-Katekisti nhar l-Erbgħa 12 ta’ Novembru 2025 fl-Awditorju tad-Dar Ġenerali tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija. Iċ-ċelebrazzjoni kienet ikkordinata mit-Taqsima għall-Katekeżi tul il-Ħajja fi ħdan l-arċidjoċesi.
Il-laqgħa bdiet b’ħin ta’ talb u riflessjonijiet minn San Ġorġ Preca. Wara il-preżenti segwew l-omelija li Papa Leone XIV għamel waqt il-quddiesa tal-Ġublew tal-Katekisti f’Ruma, fit-28 ta’ Settembru.
Iċ-ċelebrazzjoni ssuktat bil-qsim ta’ esperjenzi ta’ bosta katekisti involuti fil-programm ta’ katekumenat għall-adulti (RCIA), il-Fundazzjoni Kenosis, is-Sezzjoni Feminili tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.) u l-esperjenza tal-Post Cresima fi ħdan il-Mixja Neo-Katekumenali.
Fil-messaġġ tiegħu, Monsinjur Arċisqof irringrazzja lill-katekisti għall-impenn tagħhom fi ħdan il-Knisja u talabhom jibqgħu dejjem iwasslu lil Kristu lill-oħrajn.
Iċ-ċelebrazzjoni kompliet b’ħin ta’ adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija li tmexxa mill-Fundazzjoni Tabgħa, it-tiġdid tal-wegħdiet tal-Magħmudija u l-barka sagramentali.


