Il-Ġimgħa Mqaddsa, fl-oqsma tas-Soċjetà madwar id-dinja, kienet perjodu ta’ silenzju profond u riflessjoni spiritwali fuq il-ħajja u l-Passjoni ta’ Ġesù Kristu. Matul il-ġimgħa kollha, sar il-Programm Speċjali li matulu dawk preżenti fakkru mumenti fil-ħajja ta’ Ġesù meta esperjenza niket u tbatija. Dan kellu l-għan li jgħin lill-parteċipanti jsofru ma’ Ġesù u jħallu lilhom infushom jiġu ispirati mill-Ispirtu ta’ Kristu. Kristu Msallab kien dejjem il-punt ċentrali ta’ kull laqgħa.
Ċelebrazzjoni aktar profonda u sinifikattiva saret nhar Ħamis ix-Xirka, tard filgħaxija wara l-Quddiesa, meta kulħadd kien mistieden jadura l-wiċċ ta’ Ġesù Kristu. Wiċċ Kristu kien meqjum minn dawk li attendew b’bewsa ta’ radd il-ħajr kif ukoll ta’ niket għall-insulti li ġarrab fuq il-Wiċċ Divin tiegħu – il-bewsa tat-tradiment, is-swat, il-bżieq.
Bl-istess mod, nhar il-Ġimgħa l-Kbira, il-jum tal-fidwa tagħna, il-parteċipanti qimu l-Ħames Pjagi Divini ta’ Ġesù, u talbu lil Alla jħares lejn Ibnu bħala l-uniku Avukat u Vittma għad-dnubiet tagħna, filwaqt li jitolbu ħniena, paċi u fejqan għall-popli kollha.
Is-Sibt il-Għid kien jum ta’ silenzju u riflessjoni, b’antiċipazzjoni tar-rebħa mwiegħda ta’ Ġesù fuq il-mewt.
Il-Ġimgħa Mqaddsa laħqet il-qofol tagħha bil-Qawmien ta’ Ġesù nhar Ħadd il-Għid, immarkat b’ċelebrazzjoni li fiha kulħadd feraħ ma’ Ġesù Kristu Nazzarenu għar-rebħa tiegħu fuq id-dnub u l-mewt. Dawk kollha preżenti rċevew figolla f’forma ta’ ħaruf, li tissimbolizza lil Ġesù bħala l-Ħaruf ta’ Alla.


