Din is-sena, il-festa ta’ San Ġorġ Preca ġiet iċċelebrata b’sensiela ta’ attivitajiet f’Lipa u f’Tanauan, fejn il-membri tas-Soċjetà tal-MUSEUM qegħdin jaqdu fl-apostolat.
Nhar l-Erbgħa, 6 ta’ Mejju, il-grupp ta’ katekisti mill-Parroċċa ta’ Santo Niño, Marawoy, ġew mistednin fir-residenza tas-Soċjetà għal ikla flimkien. Din il-laqgħa komunitarja tħejjiet għall-okkażjoni tal-festa ta’ Dun Ġorġ. Il-laqgħa bdiet billi nqasmu xi episodji mill-ħajja tal-Fundatur, flimkien ma’ xi talbiet minn tiegħu. Iktar tard, il-membri u l-katekisti kielu u ċċelebraw flimkien f’mument sabiħ ta’ għaqda. Ir-relazzjoni li nibtet u s-sens ta’ appartenenza li nbena bejn is-soċji u l-katekisti tal-parroċċa huwa tassew ta’ min jgħożżu.
Nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Mejju, il-quddies ta’ filgħaxija fil-Parroċċa ta’ Santo Niño ġiet iċċelebrata għall-festa ta’ Dun Ġorġ. Il-viċi-kappillan Fr Randel Katigbak qaddes, u fl-omelija tiegħu tkellem dwar il-missjoni tax-xandir tal-Aħbar it-Tajba, li ddiet fil-ħajja ta’ Dun Ġorġ iżda hija wkoll sejħa għalina llum.
L-għada, fid-9 ta’ Mejju, Fr Darwin de Leon qaddes quddies tal-festa ta’ Dun Ġorġ fil-Parroċċa ta’ Nuestra Señora de la Soledad, Darasa, Tanauan City, fejn huwa jservi bħala kappillan. Fl-omelija, huwa qasam ħsieb dwar żewġ sentenzi tal-Fundatur: “Għożż kull ħaġa li tressqek lejn Alla,” u “Imita lil Kristu, li ġie fid-dinja biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi”.
Fost dawk preżenti għall-quddies kien hemm numru ta’ żgħażagħ li kienu attendew għal-laqgħat tar-Randan immexxija mis-soċji. Attendew ukoll uħud mill-istaff ta’ FAITH Catholic School. Il-preżenza ta’ dawn il-ħbieb tas-Soċjetà hija ferm apprezzata. Fi tmiem il-quddies, is-soċji u l-kongregazzjoni inġabru fil-parroċċa għal ikla ċelebrattiva, fejn tqassam ukoll xi materjal dwar il-ħajja tal-Fundatur u talba tiegħu.
Għandna ħafna għalxiex nirringrazzjaw lis-Sinjur Alla għal dawn l-opportunitajiet, li fihom l-ispirtu tal-Fundatur ikompli jitwassal, biex Kristu jkompli jsir magħruf u maħbub.


