Nhar l-Erbgħa, 9 ta’ April 2025, fl-Awditorju, il-Blata l-Bajda, saret ċelebrazzjoni fi spirtu ta’ talb bit-tema Id-Dawl mill-Kurċifiss. San Ġorġ Preca kien ta’ sikwit jistieden biex wieħed joqgħodu fuq il-Kalvarju quddiem Kristu Imsallab biex jitgħallem minnu kif għandnu jgħix ħajja qaddisa li togħġob lis-Sinjur Alla. Matul din iċ-ċelebrazzjoni, il-membri u l-kandidati inġabru madwar ix-xbiha ta’ Kristu Imsallab li il-Fundatur San Ġorġ Preca kien ingħata mill-Isqof Pietro Pace fl-1910. Eventwalment, il-Fundatur kien irregala dan il-kurċifiss lill-Qasam tal-Ħamrun.
Din kienet okkażjoni fejn ġie inawgurat it-tmiem ta’ proċess ta’ restawr u konservazzjoni li sar fuq il-kurċifiss mill-kumpanija Atelier del Restauro. Is-Sa Valentina Lupo, Direttur tal-kumpanija, tat ħjiel tal-proċess ta’ restawr u konservazzjoni li sar fuq il-kurċifiss li kien skolpit fl-injam madwar 225 sena ilu.
Matul iċ-ċelebrazzjoni, Natalino Camillei, qasam riflessjoni dwar il-Kurċifiss fl-ispiritwalità ta’ San Ġorġ Preca. Sar ukoll talb mill-kitba tal-Fundatur stess, fejn iħeġġeġ biex fil-mumenti ta’ kuntrarju u tbatija, inħarsu lejn Ġesù Msallab u nikkwietaw, u f’qalbna ngħidu: O Ġesù Kurċifiss, is-sliem għalik!