Fr Bernard Heaphy, eks-kappillan ta’ Holy Rosary Parish, Brixton, Londra, miet is-Sibt 15 ta’ Marzu 2025. Il-membri tal-Soċjetà ħadmu ma’ Fr Bernard għal ħafna snin fil-parroċċa tiegħu fin-Nofsinhar ta’ Londra, billi mexxew gruppi tal-katekiżmu u għenu wkoll lill-parroċċa b’ħidmiet oħra. Madwar sentejn wara l-wasla tal-membri f’Londra, l-ewwel tliet membri stabbilixxew kuntatt ma’ Fr Bernard u l-parroċċa tiegħu. Fl-1990, il-membri daħlu joqogħdu fid-dar parrokkjali ma’ Fr Bernard sakemm fl-2006 inxtrat proprjetà ġdida f’Upper Norwood. Fr Bernard kien bniedem umli u bla ebda pretensjonijiet. Huwa serva f’ Holy Rosary Parish sal-2014 meta kellu jirtira minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Matul is-snin meta saħħtu kienet qed tmur għall-agħar, huwa kompla juri kuraġġ interjuri billi ma waqafx jikkontribwixxi u jappoġġja lill-komunitajiet mill-aħjar li seta’. Is-Soċjetà tħossha midjuna lejn Fr Bernard għall-appoġġ dejjiemi tiegħu u għall-kontribut tiegħu biex jgħin lis-Soċjetà tistabbilixxi ruħha f’Londra. Il-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.