Nhar l-Erbgħa 8 ta’ Ottubru 2025, il-membri u l-kandidati tal-oqsma ta’ Malta inġabru fil-Knisja Parrokkjali tal-Assunzjoni tal-Verġni Marija, Ħal-Għaxaq, biex jiċċelebraw il-75 sena mill-proklamazzjoni tad-Domma tal-Assunta. F’din il-laqgħa ċelebrattiva, tfakkar kif fl-1 ta’ Novembru 1950, il-Papa Piju XII, iddikjara bħala verità tal-fidi it-tlugħ fis-sema bir-ruħ u l-ġisem tal-Verġni Marija.
Dawk preżenti irriflettew fuq ir-relevanza ta’ din il-verità għall-ħajja tan-nisrani tal-lum u kif din il-verità tibqa’ għajn ta’ tama u faraġ għall-bnedmin kollha. Permezz tal-kant, qari tal-letteratura u talb mill-Fundatur San Ġorġ Preca ingħata tifħir lil Marija għal dak kollu li t-Trinità għamlet magħha.
Is-Superjur Ġenerali ikkonkluda l-laqgħa b’referenza għat-talba sabiħa li l-Papa Franġisku kiteb f’Evangelii Gaudium:
Int, Verġni tas-smigħ u tal-kontemplazzjoni,
omm tal-imħabba, għarusa tat-tieġ etern,
aqbeż għall-Knisja, li tagħha int ix-xbieha l-iżjed safja,
biex qatt ma tingħalaq fiha nfisha u qatt ma tehda
fil-passjoni tagħha biex twaqqaf mill-ġdid is-Saltna.


