Il-Ġimgħa 16 ta’ Mejju 2025, l-Iskola St Michael organizat Jum iċ-Ċelebrazzjoni. It-Tema ta’ din is-sena kienet Fidi u Xjenza. L-istudenti flimkien mal-familjari tagħhom setgħu jieħdu sehem f’diversi attivitajiet marbuta mat-tema fil-klassijiet u spazji oħra fl-iskola. Dawn kienu jinkludu esperimenti xjentifiċi, dimostrazzjonijiet tar-robotika, intervisti ma’ xjenzati, escape room, logħob u kwiżż relatati mal-fidi, kif ukoll Adorazzjoni Ewkaristika u servizz ta’ Qrar.
Mument importanti kien il-forum, immexxi mis-Sur George Cassar eks-student tal-iskola, li ddiskuta kif il-fidi u x-xjenza għandhom jimxu flimkien għat-tfittxija tal-verità. Numru sabiħ ta’ studenti ingħataw premju għas-suċċess akkademiku tagħhom, kif ukoll għall-valuri li wrew li jħaddnu u jippratikaw. Il-qofol tas-serata intlaħaq bid-dramm Kważi Xjenza, miktub mis-Sa Shaian Debono (għalliema tad-drama) fejn fih żewġ studenti li jħobbu x-xjenza jirnexxielhom imorru lura fil-passat u jiltaqgħu ma’ persuni li għamlu skoperti kbar fl-istorja tal-umanità. Id-dramm wera wkoll l-importanza tal-fidi u l-għixien tal-virtù tat-tama f’sitwazzjonijiet diffiċli tal-ħajja.
Dan kollu sar fi spirtu ta’ komunità u bi sforz kolletiv mill-membri tal-istaff tal-iskola. Nirringrazzjaw lil Alla tal-ġid kollu li jsir fl-iskola St Michael.