Minkejja t-temp kiesaħ tax-xitwa f’Melbourne, grupp ta’ żgħażagħ mill-qasam ta’ St Albans u l-Parroċċa Holy Eucharist ingħaqdu għal inizjattiva ta’ appoġġ nhar is-Sibt 21 ta’ Ġunju 2025 għall-persuni li jinsabu bla dar.
Grazzi għall-kontribuzzjonijiet ġenerużi mill-parruċċani, ikel u oġġetti essenzjali nxtraw fil-ġimgħat ta’ qabel għall-persuni fil-bżonn. It-tim beda l-ħidma tiegħu b’mument ta’ talb u barka minn Fr Robin CSsR, qabel ma ħejja u ppakkja l-oġġetti biex jitqassmu.
Il-parteċipanti qassmu l-affarijiet lill-persuni fil-bżonn, bil-għan li jġibu sens ta’ dinjità lin-nies li jesperjenzaw ħajja bla dar matul ix-xhur kesħin tax-xitwa.
Din l-inizjattiva kienet xhieda ta’ spirtu ġenwin ta’ servizz u missjoni, kompassjoni, u fidi fl-azzjoni, li sarfet is-sejħa Nisranija fil-kura ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.