Il-festa ta’ Sidtna Marija tal-Medalja Mirakoluża kienet iċċelebrata fil-kappella tagħha, il-Blata l-Bajda, nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Novembru 2025.
Iċ-ċelebrazzjoni bdiet b’adorazzjoni Ewkaristika u ssuktat bil-quddiesa solenni tal-festa. Patri Alex Scerri O. Carm, Pirjol tas-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, l-Belt Valletta, mexxa l-konċelebrazzjoni. Miegħu ingħaqdu Dun Kevin Schembri, ir-Rettur tal-Kappella, u Patri Daniel Galea O. Carm.
Waqt l-omelija, Patri Alex wera kif id-devozzjoni lejn il-Medalja Mirakoluża hi sinjal ta’ fidi u tama. Fi tmiem il-quddiesa ġew imbierka d-domni tal-Medalja Mirakoluża li tqassmu lil dawk preżenti.
Il-komunità ta’ novizzi tas-Sorijiet Ulied il-Qalb ta’ Ġesù animaw il-quddiesa bil-kant.

