Il-membri tas-Soċjetà ġewwa Lipa kienu mistiedna għal ikla u quddiesa bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa ta’ San Franġisk Caracciolo, il-fundatur tal-Kjeriċi Regolari Minuri, magħrufin bħala l-Adorno Fathers.
Iċ-ċelebrazzjonijiet bdew b’ikla nhar it- Tnejn 2 ta’ Ġunju 2025 waranofsinhar, f’Batangas Lakelands. Din ġiet organizzata mill-amministrazzjoni tal-Kulleġġi FAITH (First Asia Institute of Technology and Humanities), istituzzjoni edukattiva Kattolika bbażata fil-belt ta’ Tanauan. Is-Soċjetà ilha f’kuntatti ma’ din l-istituzzjoni minn Jannar tal-2023, meta bdiet tiġi esplorata l-possibbiltà ta’ ħidma bejn is-SDC u l-kulleġġi.
Preżenti wkoll għal din l-attività kien hemm membri tal-Ordni ta’ Adorno, fosthom is-Superjur Ġenerali tagħhom, Fr Teodoro Kalaw CRM, li huwa oriġinarjament mill-belt ta’ Lipa. Waqt l-ikla, ġiet iċċelebrata l-kollaborazzjoni bejn FAITH u l-patrijiet Adorno. Fost l-oħrajn, din il-komunità reliġjuża għandha preżenza f’sit tal-pellegrinaġġi f’Balete li jġib l-isem ta’ Marian Orchard. Filwaqt li l-art ta’ dan is-sit hija propjetà ta’ FAITH, hija tospita numru ta’ seminaristi tal-Adorno Fathers bħala parti mill-formazzjoni tagħhom. L-Ordni Adorno hija diġà familjari ma’ San Ġorġ Preca u l-ispiritwalità Museumina permezz tal-preżenza tal-membri tas-Soċjetà tas-sezzjoni femminili fir-reġjun ta’ Bicol, fix-Xlokk tal-gżira ta’ Luzon, fejn l-Adorno Fathers huma preżenti wkoll.
L-attività ntemmet b’quddiesa filgħaxija fil-kappella tal-Qalb Immakulata ta’ Marija, f’Marian Orchard, bħala parti min-novena ta’ San Franġisk Caracciolo. Filwaqt li nirringrazzjaw lis-Sinjur Alla ta’ opportunità oħra f’dan l-ambjent ġdid għas-Soċjetà, nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex imexxina f’iktar esperjenzi ta’ kollaborazzjoni fi ħdan il-Knisja fil-Filippini.