L-adolexxenti ta’ bejn it-13 u s-16-il sena li jattendu fl-oqsma ta’ Malta iltaqgħu fiċ-Ċentru tal-Konferenzi DĦS bejn it-13 u l-15 ta’ Marzu 2025 għall-eżerċizzi tar-Randan bit-tema: Fejn Int Sejjer? Filwaqt li dawk li jattendu fl-oqsma ta’ Għawdex iltaqgħu f’diversi oqsma f’Għawdex stess għall-eżerċizzi tagħhom. Ir-riflessjonijiet kienu jiffukaw fuq il-fatt li bħala aspiranti, huma wkoll imsejħin biex ikunu pellegrini tat-tama. L-eżerċizzi għalqu b’mument ta’ skiet quddiem Ġesù Sagramentat. L-aspiranti kellhom ukoll is-servizz tas-Sagrament tal-Qrar. Nitolbu biex dak li ħadu dawn l-adolexxenti matul dawn il-jiem iservihom biex ikompli jgħixu r-Randan b’mod qaddis, jiġifieri, li jkomplu jinbidlu f’dak li Ġesù jridhom ikunu.