Ħames kandidati tas-Soċjetà, akkumpanjati mid-Direttur tagħhom, Daniel Micallef, u mill-membru Raymond Muscat, telqu minn Malta fil-31 ta’ Lulju 2026 għal esperjenza missjunarja ta’ tliet ġimgħat f’Ruiru, il-Kenja, fejn is-Soċjetà għandha wieħed mill-oqsma tagħha.
Il-ħames kandidati huma żgħażagħ li bħalissa għaddejjin mill-formazzjoni tagħhom u qed jiddixxernu l-vokazzjoni tagħhom fi ħdan is-Soċjetà.
Matul iż-żjara tagħhom, se jkollhom l-opportunità li jqattgħu ħin mal-membri u l-kandidati tal-qasam ta’ Ruiru, kif ukoll jieħdu sehem fid-diversi laqgħat ta’ formazzjoni fil-fidi u attivitajiet organizzati mill-istess qasam.
Din l-esperjenza missjunarja se toffrilhom ukoll l-opportunità li jesperjenzaw il-ħajja u l-missjoni tas-Soċjetà f’kuntest differenti minn dak ta’ Malta.
Nakkumpanjawhom bit-talb tagħna, filwaqt li nitolbu lill-Mulej biex din l-esperjenza tkompli tgħinhom fil-mixja ta’ formazzjoni tagħhom u tagħtihom perspettiva usa’ tal-missjoni tas-Soċjetà Museumina.


