Bħala parti mill-Ġublew tat-Tama, nhar is-Sibt 10 ta’ Mejju 2025, lejlet ir-Raba’ Ħadd tal-Għid, magħruf ukoll bħala Ħadd il-Vokazzjonijiet jew Ħadd ir-Ragħaj it-Tajjeb, ġie ċċelebrat f’Malta l-Ġublew tal-Vokazzjonijiet. Din l-attività, li saret fis-Seminarju tal-Arċisqof fir-Rabat, ġiet organizzata miċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju b’kollaborazzjoni ma’ diversi kongregazzjonijiet, ordnijiet reliġjużi u s-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija MUSEUM.
Il-programm inkluda tliet stazzjonijiet: Encounter, Listen, Respond. Dawn kienu marbuta mal-ġrajja taʼ Emmaws u kienu jinkludu diversi testimonjanzi tas-sejħa t’Alla minn persuni ġejjin minn għaqdiet differenti. Il-kandidati tas-Soċjetà ipparteċipaw b’mod attiv f’dan il-ġublew, speċjalment billi pproduċew drama relatata mal-ħila tas-smigħ. Kienu preżenti wkoll diversi aspiranti, akkumpanjati mill-membri tas-Soċjetà.
Kollox intemm b’mument qawwi ta’ adorazzjoni quddiem l-Ewkaristija, immexxi mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi.